Passenger Locator Form Diġitali Ewropea (dPLF)

Merħba għall-applikazzjoni tal-UE għall-Passenger Locator Forms diġitali komuni (dPLFs) għas-setturi tal-ajru, marittimi (kruċiera u lanċa) u tat-trasport fuq l-art (xarabank, ferrovija, karozza).

 

X’inhi l-Passenger Locator Form diġitali u kif tintuża d-dejta?

Il-Passenger Locator Forms (PLFs) jintużaw mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika biex jiffaċilitaw l-ittraċċar tal-kuntatt f’każ li l-vjaġġaturi jkunu esposti għal marda infettiva matul il-vjaġġ tagħhom bl-ajruplan jew b’inġenju tal-ajru, bil-vapur (kruċiera/lanċa), bil-ferrovija, bix-xarabank jew bil-karozza. L-informazzjoni li l-vjaġġaturi jipprovdu fil-PLFs tista’ tintuża mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni biex jikkuntattjaw lill-vjaġġaturi malajr, bil-għan li tiġi protetta s-saħħa tal-vjaġġaturi u l-kuntatti tagħhom, kif ukoll biex jiġi evitat aktar tixrid tal-mard. Il-pajjiżi li jeħtieġu l-mili ta’ PLF bħalissa qed jużaw Passenger Locator Forms bbażati fuq il-karta jew żviluppaw sistemi onlajn nazzjonali. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, ġiet żviluppata applikazzjoni fuq il-web għall-Passenger Locator Form diġitali (dPLF) tal-UE biex tiffaċilita l-użu tal-PLFs matul it-theddid transkonfinali għas-saħħa. Dan il-format diġitali jippermetti l-ġbir u l-iskambju aktar faċli u rapidu tad-dejta bejn il-partijiet interessati, u b’hekk l-ittraċċar tal-kuntatti jsir aktar effettiv u effiċjenti. Xi pajjiżi qed jikkollegaw il-dPLF mal-politika tal-ittestjar jew tal-kwarantina għall-vjaġġaturi.

 

Min għandu jimla l-Passenger Locator Form diġitali?

Il-passiġġieri li jivvjaġġaw lejn wieħed mill-pajjiżi ta’ hawn taħt (bħala d-destinazzjoni finali tagħhom) għandhom jimlew Passenger Locator Form permezz tal-Passenger Locator Form Diġitali Ewropea (dPLF)

  • L-Italja
  • Malta
  • Is-Slovenja

Kull pajjiż għandu l-politika tiegħu dwar min għandu jimla l-PLF (xi pajjiżi jagħżlu f’każ li familja tkun qed tivvjaġġa flimkien, membru wieħed biss tal-familja għandu jimla l-PLF u pajjiżi oħra jeħtieġu li kull persuna adulta timla PLF individwali).

Għal rekwiżiti speċifiċi dwar il-mili tal-formola jekk jogħġbok ara t-taqsima PROTOKOLLI TAL-IVVJAĠĠAR, u agħżel il-pajjiż fejn se tivvjaġġa sabiex taqra l-protokoll tiegħu.

Jekk se tivvjaġġa lejn destinazzjoni oħra u/jew tixtieq tivverifika jekk japplikawx xi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, jekk jogħġbok iċċekkja l-għodda tal-Unjoni Ewropea bit-titlu Re-open EU billi tikklikkja hawn.

 

X’dejta għandi bżonn biex nimla l-dPLF?

Il-vjaġġaturi jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni dwar:

  • Informazzjoni dwar it-trasport u l-ivvjaġġar
  • Informazzjoni personali
  • Informazzjoni tal-kuntatt
  • Informazzjoni dwar l-indirizz permanenti
  • Akkomodazzjoni preċedenti
  • Indirizz temporanju
  • Il-persuni li vvjaġġaw miegħek
  • Informazzjoni ta’ kuntatt ta’ emerġenza

 

Il-vjaġġaturi meta għandhom jimlew il-Passenger Locator Form diġitali fl-applikazzjoni tal-UE għall-dPLFs?

  • Ivvjaġġar permezz ta’ bastiment tal-kruċieri (Qabel l-iżbark)
  • Ivvjaġġar permezz ta’ lanċa tat-traġitt (Qabel l-imbarkazzjoni)
  • Ivvjaġġar bil-ferrovija, bix-xarabank jew bil-karozza (Qabel l-imbarkazzjoni)
  • Ivvjaġġar bl-ajruplan (Wara ċ-check-in u qabel l-imbarkazzjoni)

 

X’inhi l-proċedura biex timtela l-Passenger Locator Form diġitali?

Il-vjaġġaturi se jintalbu jindikaw il-pajjiż tad-destinazzjoni u l-mezzi tal-ivvjaġġar (ajruplan, vapur tal-kruċieri, lanċa tat-traġitt, ferrovija, xarabank, karozza).

Skont ir-risposti tagħhom, il-vjaġġaturi jew se:

  • jkunu diretti lejn il-bażijiet tad-dejta nazzjonali eżistenti tal-pajjiżi biex jimlew il-Passenger Locator Forms. F’dan il-każ, iridu jimxu mal-istruzzjonijiet nazzjonali jew
  • għall-pajjiżi li m’għandhomx bażijiet tad-dejta nazzjonali, il-vjaġġaturi jkunu jistgħu jimlew il-formola onlajn permezz tal-applikazzjoni fuq il-web għall-Passenger Locator Form diġitali (dPLF) tal-UE.

 

X’inhi l-proċedura biex timla l-dPLF fl-applikazzjoni fuq il-web għall-dPLF tal-UE?

PASS 1: Reġistrazzjoni Il-vjaġġaturi jridu jirreġistraw għall-applikazzjoni fuq il-web għall-dPLF tal-UE billi jipprovdu indirizz elettroniku validu u password. Il-vjaġġaturi se jirċievu email ta’ konferma fl-indirizz elettroniku li jkunu pprovdew. Biex jivvalidaw u jeffettwaw ir-reġistrazzoni, il-vjaġġaturi jridu jagħfsu fuq il-ħolqa mibgħuta fl-indirizz tal-email li ddikjaraw.

PASS 2: Mili tal-dPLF Il-vjaġġaturi se jintalbu jipprovdu informazzjoni dwar:

  • Informazzjoni dwar it-trasport u l-ivvjaġġar
  • Informazzjoni personali
  • Informazzjoni tal-kuntatt
  • Informazzjoni dwar l-indirizz permanenti
  • Akkomodazzjoni preċedenti
  • Indirizz temporanju
  • Il-persuni li vvjaġġaw miegħek
  • Informazzjoni ta’ kuntatt ta’ emerġenza

PASS 3: Reviżjoni u sottomissjoni tal-dPLF
Qabel jissottometti l-formola, il-vjaġġatur ikun jista’ jara d-dejta li jkun daħħal u jemendaha jekk ikun meħtieġ. Meta jimlew il-Passenger Locator Form diġitali, il-vjaġġaturi għandhom jagħfsu fuq il-buttuna ta’ sottomissjoni. Il-vjaġġaturi se jirċievu email ta’ konferma wara s-sottomissjoni tal-dPLF.

PASS 4: Riċevuta tal-Kodiċi QR Il-vjaġġaturi se jirċievu l-dPLF bil-kodiċi Quick Response (QR) uniku tagħhom u se jiġu notifikati permezz ta’ email (L-email se jkun fiha l-kodiċi QR u ħolqa biex tniżżel il-dPLF f’format PDF).

 

X’se jkolli nagħmel meta nasal?

Mal-wasla l-vjaġġatur se jintalab juri l-Kodiċi QR lill-Kontrollur/Spettur Reġjonali/Lokali fil-Punt tad-Dħul . Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-dPLF, l-awtorità kompetenti se tapplika l-miżuri tas-saħħa applikabbli f’kull SM.

 

Għandi nuża l-pjattaforma fuq il-web tal-PLF Ewropea jew sistema Nazzjonali biex nissottometti l-PLF tiegħi?

Xi pajjiżi żviluppaw is-sistemi tagħhom stess għas-sottomissjoni tal-PLFs. Xi pajjiżi oħra qed jużaw is-sistema dPLF Ewropea. Barra minn hekk, pajjiż jista’ juża s-sistema nazzjonali għal mezzi speċifiċi ta’ trasport u juża s-sistema tal-dPLF Ewropea għal mezzi oħra ta’ trasport. Fl-ewwel stadji tas-sottomissjoni permezz tal-PLF Ewropew, l-applikazzjoni se tinforma lill-vjaġġatur jekk ikollux bżonn jissottometti PLF permezz ta’ sistema ta’ pajjiż speċifiku jew permezz tas-sistema tal-dPLF Ewropea. Fl-ewwel każ, il-vjaġġatur se jintalab iżur il-paġna fuq l-internet tas-sistema speċifika ta’ dan il-pajjiż. Fi kwalunkwe każ ieħor il-vjaġġatur se jkompli jimla l-PLF permezz tas-sistema tal-dPLF Ewropea.

 

Għandi nissottometti PLF separata jekk il-vjaġġ tiegħi jinkludi waqfiet f’aktar minn pajjiż wieħed?

Bħala regola ġenerali meta l-vjaġġatur juża mezzi differenti ta’ trasport (vapur, ajruplan, ferrovija, xarabank), f’dak il-każ għandha timtela PLF ġdida kull darba li l-vjaġġatur jitla’ fuq mezz ġdid ta’ trasport (vapur, ajruplan, ferrovija, xarabank) biex jivvjaġġa lejn pajjiż ieħor. Bħala eċċezzjoni, meta l-vjaġġaturi jkunu qed jivvjaġġaw bl-ajruplan, u l-ivvjaġġar ikun jinkludi titjiriet ta’ konnessjoni f’pajjiż/pajjiżi differenti, allura għandha tiġi sottomessa PLF waħda biss għall-pajjiż tad-destinazzjoni finali. Iżda, jekk il-vjaġġatur joħroġ barra mill-ajruport, qabel ma jimbarka t-titjira ta’ konnessjoni, hemmhekk għandha timtela PLF separata wkoll għal dan il-pajjiż.

Il-vjaġġaturi li jkunu qed jivvjaġġaw b’bastiment tal-kruċieri, se jkollhom jissottomettu l-PLF darba u jagħżlu bħala pajjiż tad-destinazzjoni l-pajjiż tal-iżbark finali tagħhom (tmiem il-kruċiera). Il-vjaġġatur se jkollha jniżżel fis-sistema elettronika l-ismijiet tal-portijiet li l-kruċiera qed iżżur.

Il-vjaġġaturi li jivvjaġġaw bil-karozza, jeħtieġ li jissottomettu PLF kull darba li jidħlu f’pajjiż li jeħtieġ is-sottomissjoni ta’ dPLF.